(ikklikja hawnhekk biex tara l-ewwel parti) Il-Knisja tal-Bidu It-tieni parti Ġesù waqqaf il-Knisja fuq bnedmin li Hu sejjaħ biex jimxu warajh. Ġesù sejjaħ lil min ried. Hu ried ifakkar lil appostli li din l-għażla ħielsa tiegħu biex jurihom li ħadd ma jimxi warajh minn jeddu: ‘Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom’ (Ġwanni 15, 16). Ġesù, bil-ħlewwa u bil-għaqal, naqqax fil-qalb u l-moħħ tal-appostli l-idea tal-Knisja. Wara ħafna tnikkir u dubji, huma bdew jintebħu x’ried minnhom. Huma bdew jifhmu li l-Knisja kellha tkun xi ħaġa li jarawha b’għajnejhom u jmissuha b’idejhom; bdew jaraw li mhux biss kellha titwaqqaf fost il-bnedmin, imma kellha tinbena wkoll mill-istess bnedmin. Barra minn dan, l-appostli bdew jifhmu li f’isem Alla kellhom imexxu din il-Knisja, imwaqqfa minn Ġesù biex tagħmel mill-bnedmin ulied ta’ Alla u werrieta ta’ Saltnatu. Għal bidu, l-appostli ma fehmux x’kellhom ibatu biex iwaqqfu l-Knisja. Ġieli tlewmu biex jaraw minn kellu jkun l-ikbar fosthom. Ġesù għażel ‘il Xmun bħala l-blata u r-raħaj tal-Knisja tiegħu. U dan jgħodd għas-suċċessur tiegħu li huwa l-Papa. "U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex.Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet." (Mattew 16, 18-19) Ma kienx biss Pietru li rċieva l-qawwa tal-Mulej. Anki l-appostli l-oħra kellhom s-sehem tagħhom, kif baqgħu dejjem ikollhom l-Isqfijiet u s-saċerdoti kollha matul iż-żminijiet. Ġesù sejħilhom ħbieb tiegħu. Is-setgħa ta’ Ġesù niżlet fuq kull wieħed minnhom u l-appostli kollha semgħu, kif kien diġa sema’ Pietru l-kelmiet: ‘Dak li tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet’. Dan ifisser li kellhom is-setgħa li jaħfru d-dnubiet tal-bnedmin. Imma Ġesù wegħedhom li ħa jibgħatilhom difensur, l-Ispirtu s-Santu, li kellu jdawwalhom x’għandhom jagħmlu u jgħidu quddiem il-bnedmin. "Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom." Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma." (Ġwanni 20, 21-23) (ikklikkja hawnhekk biex tara t tielet parti) (Biex inkiteb dan l-artiklu, ġie ikkonsultat is-serje fuq l-Istorja tal-Knisja ta' Fr Alexander Bonnici) |
'Ġesu' jsalva lil Pietru', Erin Faith Rose, Knisja Episkopali ta' San Pietru, Seward, Alaska,
Aktar artikli Alla lil kullħadd irid fis-Saltna tiegħu Għaddiet il-festa...x'ħalliet f'qalbna?
|
© 2009 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba. Site powered by Qawrawebmasters.