(ikklikja hawnhekk biex tara l-ewwel parti) (ikklikja hawnhekk biex tara t-tieni parti) Il-Knisja tal-Bidu It-tielet parti Is-setgħa tat-tmexxija tal-Knisja ġiet minn Kristu fdata f’idejn l-appostli li irċievew l-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin. Hu tahom is-setgħa li jgħammdu, jaħfru d-dnubiet, jippresjedu l-Ewkaristija u jxandru l-Vanġelu lil kullħadd. Il-Mulej ħalla f’idejn il-bnedmin dawn is-setgħat mhux għalihom infushom imma għal l-oħrajn. Fil-fatt, meta ngħidu ministru fil-Knisja nkunu qed infissru qaddejja, li għandhom ministeru. L-appostli rċevew ukoll is-setgħa li jħallu oħrajn bl-istess setgħa tagħhom biex il-Knisja tibqa tikber u tinxtered mad-dinja. Meta Kristu wiegħed lill-appostli li kellu jibqa magħhom sal-aħħar tad-dinja, hu ried jgħid li jibqa jmexxi mis-sema anki lil dawk kollha li matul iż-żminijiet kellhom jiġu warajhom. F'dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta' kuljum. Għalhekk it-Tnax sejjħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: "M'hux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta' Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f'idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma." Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom fuqhom. (Atti 6, 1-7) Għalkemm id-djakni dehru li ġew ordnati biex jgħinu fl-affarijiet materjali, malajr narawhom jaħdmu f’affarijiet importanti ħafna iżjed bħalma hu x-xandir tal-Kelma t’Alla; meta kien hemm bżonn l-istess djakni kienu wkoll jgħammdu l’dawk li kienu mħejjin biex jilqgħu il-Liġi ta’ Kristu f’qalbhom. Apparti id-djakni, fil-Knisja ta’ Ġerusalemm kien hemm ukoll il-Presbiteri. Il-Presbiteri, l-istess bħad-djakni, ma kellhomx biss xogħol materjali fil-Knisja. Il-ħidma tagħhom, bil-mod il-mod bdiet tiċċara. L-Appostli u l-presbiteri flimkien kienu jitkellmu biex isolvu kwistjonijiet u jaraw x’għandhom jagħmlu. Fl-ittra ta’ Ġakbu 5, 14 hemm miktub ‘Jekk xi ħadd fosthom jimrad, isejjaħ il-Presbiteri tal-Knisja, li waqt li jitolbu fuqu, jidilkuh biż-żejt fl-isem tal-Mulej’. Minn hawn jidher li fil-Knisja Nisranija, dan it-terminu kien jirreferi ghall-Isqfijiet. (Biex inkiteb dan l-artiklu, ġie ikkonsultat is-serje fuq l-Istorja tal-Knisja ta' Fr Alexander Bonnici) |
"...ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom fuqhom." (Att6, 7)
Aktar artikli Alla lil kullħadd irid fis-Saltna tiegħu Għaddiet il-festa...x'ħalliet f'qalbna?
|
© 2009 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba. Site powered by Qawrawebmasters.