
It-Tħabbira
Tanner Henry Ossawa.(1898)
|
|
MERĦBA!
Iva, jien dalwaqt ġej!
Il-kliem tat-titlu huma il-kliem ta’ konkluzjoni ta’ Ġesù fil-Bibbja (Apokalissi 22, 20). Wasal l-avvent. L-ewwel parti tal-avvent tfakkarna propju fit-tieni miġja ta’ Kristu fid-dinja. Għaliex iva, il-Mulej ġej. Meta ħadd ma jaf, imma ġej żgur, kuljum eqreb. It-tieni miġja tal-Mulej fid-dinja se tkun differenti minn l-ewwel waħda. Int lest? Qiegħed tistennih? Jekk le, l-avvent ġie għalik.
L-avvent mhux sempliċiment żmien meta nżejnu Malta bil-bozoz u nixtru tibdila ġdida għal-festi li ġejjin. L-anqas m’hija xi ħaġa repetittiva, li tiġi kull sena, jgħaddi l-Milied, tgħaddi l-ewwel tas-sena u lura għax-xogħol. L-Avvent u l-Milied huma iżjed minn tifkira. Huma stedina.
Qatt ħsibt li tmur għand xi ħadd imma imbagħad tgħid lilek innifsek, ‘x’ser immur nagħmel jekk ma ċempillix?’. Il-Mulej nistgħu nimmaġinawh iħabbat il-bieb, jistenna fuq barra, mingħajr ħadd ma stiednu. Il-miġja tiegħu kienet inizzjattiva tiegħu, mhux għax kellu bżonn xi ħaġa Hu, imma għal min ġie kellu bżonnu hu.
Alla qiegħed jistiednek għall-festa f’dawn iż-żminijiet. Festa li fiha l-Mulej irid jibda avventura ġdida miegħek. Jixtieq ifakkrek li għandek bżonn salvazzjoni, għaliex il-ħbula u l-ktajjen tad-dnub, li ħafna drabi ma tkunx konxju tagħhom, jagħmluk ilsir u huma l-kaġun ta’ tant dwejjaq u inkwiet f’ħajtek. Huwa jerġa’ jagħtik tama li forsi tlift, ifakkrek li għandek Omm fis-sema, ifakkrek li ġie, li huwa ħaj u li jħobbok tant li sar żgħir, anżi l-iżgħar, b’missjoni li se tieħdu fuq zokk biex jagħtik ħajtu.
Tħallix jgħaddi l-Mulej f’dawn il-granet mingħajr ma jieqaf għandek.
|
|