Parrocca S.Frangisk Qawra - Bugibba

Merhba
Storja
Gruppi
Hinijiet
Kuntatt
Ritratti
Avvizi
Fuljett
Artikli
Links
    KPP    

 Għaddiet il-festa...x'ħalliet f'qalbna?

S Frangisk

Ikona ta' San Franġisk fl-Għotji tal-Pjagi

 

Għada kemm għaddiet il-festa tal-parroċċa tagħna; il-festa ta’ San Franġisk fl-għotji tal-Pjagi. Kienet ħaġa xierqa li fil-festa, organiżżajna ħafna attivitajiet u stidinna persuni varji biex janimaw l-iljieli tal-ġimgħa kollha. Minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li taw sehemhom.

Tajjeb madanakollu nistaqsu lilna nfusna; “X’ frott ħalliet il-festa f’qalbna?”  Kull festa li l-Knisja tipreżentalna għandha l-iskop li terġa tfakkarna xi ħaġa important għall-ħajja nisranija tagħna. Din il-festa ta’ San Franġisk fl-għotji tal-Pjagi turina kemm Franġisku sar jixbah lil Ġesù Kristu, tant li fil-ġisem tiegħu stess beda jġorr il-Pjagi tas-Salib, sinjal ta’ għaqda intima mal-Mulej.

Tajjeb għalhekk nistaqsu lilna nfusna jekk għandiex għaqda intima mal-Mulej. Ghandek inti relażjoni ma’ Ġesù? Min hu Ġesù għalik?

Hija ħaġa important ħafna li jkollok relażżjoni ma’ Ġesù; li għalik Ġesù Kristu ma jkunx biss personaġġ li taf informazzjoni fuqu, imma persuna ħajja li magħha jkollok rapport mibni fuq il-fiduċja, fuq il-komunikazzjoni, bir-radd ta’ ħajr u msaħħan bl-imħabba.

Jekk tħoss li m’għandekx relazzjoni ma’ Kristu, taqtax qalbek! Kun af, li l-ewwel pass ma tridx tagħmlu inti, għaliex diġa għamlu Hu. Fil-fatt Ġesù ilu, u jibqa’ jiġri warajk sabiex meta inti iddur lejh, huwa minnufih jidħol fil-ħajja tiegħek. L-importanti huwa li jkollok dispożizzjoni, li tiftaħlu il-bieb beraħ ta’ qalbek. U x’differenza tistenna li jagħmel fik il-Mulej meta inti tagħtih id-dispożizzjoni tiegħek? Tistenniex li l-Mulej ineħħilek is-salib fil-ħajja tiegħek, imma m’għandekx ikollok dubju li l-Mulej jagħmel minn dak is-salib tiegħek, għajn ta’ grazzja għalik u anke għall-oħrajn.

U bħalma l-pjagi ta’ San Franġisk kienu sinjali viżibli tal-għaqda tiegħu mal-Mulej, Alla jagħmel minnek ukoll sinjal għall-oħrajn. Għaliex bis-salib tiegħek li l-Mulej ikun qed jagħtik il-grazzja terfgħu mingħajr tgergir, inti tkun sinjal ta’ tama kbira f’nofs din is-soċjetà li ma taċċettax it-tbatija, u fil-ġlieda tagħha biex teridha, tispiċċa toħloq iktar miżerja.

J’Alla l-Mulej jagħmel minnek ukoll sinjal ta’ għaqda intima mal-Mulej bħalma kien San Franġisk t’Assisi.


© 2008 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba.  Site powered by Qawra Webmasters.