Merhba
Storja
Gruppi
Hinijiet
Kuntatt
Ritratti
Avvizi
Fuljett
Artikli
Links
    KPP    

Sagra Familja

 

Pittura tas-Sagra Familja li hemm fis-sagristija tal-knisja parrokkjali

 

 

MERĦBA!

Il-Grazzja ta' Alla


Lil Marija l-anġlu qalilha li hija “mimilja bil-grazzja” u li “sibt grazzja quddiem Alla”. Kemm-il darba nimmaġinaw il-Madonna bħala mara mingħajr inkwiet, mingħajr tħassib, donnu dejjem mitlufa f’paċi, armonija u trankwillita’.  L-arti wkoll tpinġilna lill-Madonna bħala mara b’ħarsa mill-iżjed trankwilla donnu qegħda barra minn din id-dinja. Ħasra li naħsbu li hija daqshekk ‘il bogħod mill-inkwiet u l-mizerji tagħna! Kemm-il darba naħsbu, li f’din il-ħajja mgħaġġla u mħawda ma nistgħux nkunu mimlijin bil-grazzja aħna wkoll, speċjalment f’dinja li ma tħalliniex ngħixu ħajja tassew nisranija.

 

Għalhekk tgħid huwa biżżejjed li nħossunha tajbin ma’ Alla għax ma nagħmlu xejn gravi u għax aħna moderati? Tgħid huwa biżżejjed biex ngħidu li qegħdin, imqarr jekk ftit, imma għallinqas daqsxejn fil-Grazzja tiegħu? Allura Marija hija Qaddisa hemm fuq, li ma tistax tilħaqgħa u flimkien magħha ,Alla, li donnu trid tillimita lilek innifsek biex timxi fuq il-Vanġelu tiegħu?


Kemm inkunu nies imsejkna jekk naħsbu b’dan il-mod! Il-kelma grazzja fit-Testment il-ġdid tfisser rigal mogħti b’xejn minn Alla lill-bniedem li ma jistħoqqlux, lanqas ftit, dak ir-rigal. U x’rigal jagħti Alla jekk mhux Salvazzjoni sħiħa permezz ta’ Ibnu? Alla jrid jagħtik b’xejn, ħelsien minn dak kollu li jgħakkes il-bniedem fil-jasar tad-dnub; ħelsien li jġib bidla fil-mod ta’ kif tħares lejn l-istorja ta’ ħajtek biex minflok ġlieda kontinwa biex teħles mit-tbatija u mill-problemi, tgħix f’ħajja ta’ gratitudni lejn Alla li kull ġrajja li jibgħatlek hija grazzja li tressqek lejH.


Fi ftit kliem, iddeskrivejna il-ħajja ta’ Marija; ħajja mimilja provi li ħafna kienu iebsin. Hemm bżonn inżommu quddiem għajejna kemm għaddiet minn ġrajjiet iebsa: kellha tarbija qabel ma bdiet tgħix ma’ żewġha, tarbija li s-Sultan tal-pajjiz kien qed ifittex biex joqtol, u li kellha tmur bih ġranet sħaħ ta’ mixi ‘il bogħod biex teħilsu…u dawn huma biss ftit mit-tribulazzjonijiet ta’ Marija.  Madanakollu Marija, għax kienet mimlija bil-grazzja ma ħadithiex kontra Alla jew kontra l-istorja li bagħtilha. U dan għamlitu mhux għax kienet differenti minnha, imma għax kienet ċerta, fuq li ċerta li Alla kien magħha, u tassew hekk kien.

Jekk biss nitlobu li nirċievu l-iSpiertu li jixbah lil ta’ Marija, naraw kemm Alla jberikna u jagħtina l-grazzja tiegħu. Il-ħajja nisranija, hija mixja twila ta’ ġrajjiet li b’moħna ma nifmuhomx. “Għalxiex għandi din il-marda, din il-problema, dan il-karattru, din il-familja, dan is-salib?” Ma nibżawx, għax Alla huwa Alla, isalva lil bniedem permezz ta’ ġrajja inkredibli, permezz ta’ Salib, għalhekk għalxejn nippruvaw nqiegħdu r-raġuni il’ fuq mill-fidi. Ir-raġuni hija riġal ferm żgħir ħdejn il-qawwa tal-Fidi! Dan huwa l-ispiertu li kellha Marija. Dan huwa l-ispiertu li jrid jagħtina Alla b’xejn, jekk aħna nitolbuhulu.

 

 

 

 

 

© 2008 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba.  Site powered by Qawra Webmasters.