Parrocca S.Frangisk Qawra - Bugibba

Merhba
Storja
Gruppi
Hinijiet
Kuntatt
Ritratti
Avvizi
Fuljett
Artikli
Links
    KPP    

 Il-Konverżjoni

konverzjoni s pawl

Il-konverżjoni ta' l-Appostlu San Pawl

Ben Long

Affresk

Il-kelma konverżjoni naħsbuha tgħodd għal dawk li jaqilbu minn reliġjon għal oħra. Madanakollu, fit-testment il-qadim insibu kemm–il darba din il-kelma tkun indirizzata lil Lhud stess, li diġa’ kienu l-poplu magħżul t’Alla. Fil-fatt, il-konverżjoni hija att li anke aħna irridu nwettqu fil-ħajja tagħna, aħna li naħsbu li aħna insara ta’ veru u nies ta’ prinċipju.

Il-koverżjoni mela x’inhi? Il-konverżjoni tfisser li tibdel ir-rotta. Ħafna drabi tieħu id-deċiżjonijiet tiegħek mingħajr ma’ jgħaddilek minn rasek x’irid Alla; mingħajr ma tieqaf u titlob għad-dixxerniment biex tagħżel skond ir-rieda ta’ Alla. Il-koverżjoni tgħodd mhux biss għal għażliet li nagħmlu. Li tikkonverti tfisser; tiċħad lilek innifsek, jiġifieri taqta’ l-irbit li għandek miegħek innifsek, mal-flus, max-xogħol, mal-prestiġju personali, maż-żina, ma’ li terfa’ salib ħaddieħor, mal-affett sentimentali...inti taf min hu sidek; lil min tqiegħed fiċ-ċentru ta’ ħajtek. Jekk sidek huwa xi ħadd jew xi ħaġa għajr Alla l-veru, tinsab f’idolatrija; m’intix wisq differenti mela, minn pagan imsejjaħ għall-konverżjoni. Anki inti għandek bżonn ta’ konverżjoni f’ħajtek, konverżjoni li ma tagħmilhiex darba u malajr, imma konverżjoni ta’ kuljum, serja u b’fiduċja sħiħa fil-Mulej.

Bil-ġustizzja Sijon għad tinfeda; u dawk li jikkonvertu jinfdew bis-sewwa. Imma l-midinbin u l-ħatjin flimkien jitkissru; u dawk li jitilqu l-Mulej jintemmu. (Isaija 1, 27-28)

Il-kundanna għal min jiċħad is-sejħa għall-konverżjoni li l-Mulej jagħmillu, hija serja ħafna bħalma insibu f’din is-silta ta’ Isaija. Il-kundanna tista’ iġġibha fuqek inti stess. Kull min iqim xi alla falz, it-tama tiegħu tkun fiergħa, u kollox isir piż insapportabbli li jagħmel il-ħajja iżjed diffiċli minn kemm diġa’ hi. Il-konverżjoni mhix mela biċċa xogħol oħra biex nogħġbu lil Alla, imma l-liberazzjoni tagħna minn ħafna irbit u tamiet foloz għal ħajja ta’ fidi f’Dak li ma jqarraq bik qatt. Il-konverżjoni mela, hija stedina għal ħajja ta’ paċi, għaliex min ikollu lil Alla bħala Sidu, ma jkollux għax jinkwieta, għax ikun jista’ kollox f’Dak jagħtih il-qawwa. Għalhekk Isaija iktar ‘il quddiem fil-ktieb tiegħu jgħidilna:

Għax dan jgħid Sidi l-Mulej, il-Qaddis ta' Israel: "Fil-konverżjoni u l-kalma ssibu s-salvazzjoni tagħkom; fil-kwiet u l-fiduċja qegħda l-qawwa tagħkom."  (Isaija 30, 15)


© 2008 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba.  Site powered by Qawra Webmasters.