Merhba
Storja
Gruppi
Hinijiet
Kuntatt
Ritratti
Avvizi
Fuljett
Artikli
Links
    KPP    

 

'Perikli online'

Il-fenomenu tal-pornografija laħaq il-qies ta’ industrija minn mindu l-iżvilupp tat-teknoloġija għamilha possibli biex dan it-tip ta’ materjal jixxerred u jidħol prattikament f’kull dar fid-dinja, permezz tat-televixin, u issa l-internet. Fil-fatt ħafna mit-traffiku fuq l-internet huwa għal fuq siti ta’ dan it-tip. Għalkemm żmien ilu il-pornografija xorta kont issibha jekk tfittixha fil-ħwienet, illum din hija b’xejn u aċċessibbli ħafna.

Hawn ħafna li jaħsbu li l-pornografija ma tagħmel ħsara lil ħadd…hija xi ħaġa privata, tal-gost u daqs hekk. Pero il-pornografija għandha effett qawwi, li jdum ħafna biex jitħassar. L-effett tal-pornografija huwa l-istess effett tad-dnub, jiġifieri l-mewt…dik il-ħofra ġewwinija li nħossu kull darba li nħossuna weħidna, insodisfatti, falluti, mhux maħbubin, taħt stress, mdejjqin u bla sens. Il-pornografija, bħal kull vizzju, tnessik dan kollu għal ftit minuti, imbagħad terġa’ jkollok terġa tiffaċċja l-fallimenti tiegħek, li donnu jkunu kibru eżatt wara li tkun waqajt.
Il-kilba għall-passjonijiet ta’ dan it-tip tikber iżjed ma wieħed jagħtiha l-ikel tagħha. Huwa veru li l-ħajja xi kultant tkun iebsa u r-realtà ma togħġobniex, imma l-pornografija mhix soluzjoni, iżjda nasba qalila tax-xitan. Diffiċli ħafna tieqaf jekk tiddakkar. Wieħed ma jkunx jista’ jafda lilu nnifsu waħdu fuq l-internet għax malli tiġi t-tentazzjoni, donnu l-ġisem kollu ma jkunx taħt il-kontroll liberu tiegħek, imma taħt il-jasar tal-pornografija li l-qalb tkun fiha.

Faċli tinduna bl-influwenza tal-pornografija fid-diskorsi ta’ bejn il-ħbieb. Mhux l-ewwel darba li jissemma ċajt maħmuġ, kliem doppju sens jew naraw mossi provokanti, biex indaħħku. Dak il-ħin nkunu qegħdin inkeċċu l-ispirtu ta’ Alla minn fostna, u minfloku jidħol spirtu ieħor…‘ma tafux li ġisimkom huwa tempju tal-Ispirtu s-Santu?’ dak il-ħin ikunu ġibnih tempju tal-idoli.

Il-pornografija hija mewġa qalila kontra l-familja. Hija tipprofana x-xbieha tat-Trinità fid-dar, jiġifieri l-koppja miżżewġa. Tħassar l-imħabba li tgħinek tingħata kollok kemm int lejn il-persuna l-oħra, u minflok iddaħħal iżjed fil-fond l-għeruq tal-egoiżmu li ġġagħlek tfittex is-sodisfazzjon tiegħek nnifsek minn fuq dahar ħaddieħor. Forsi wieħed mill-agħar aspetti tad-dnubiet kontra s-safa hija li filwaqt li l-gost jdum ftit mumenti, il-memorji u d-dispjaċir ta’ xi episodju jibqa hemm tul ħajtek kollha.

Il-vizzju tal-pornografija huwa ikbar minnha. Il-bniedem huwa dgħajjef wisq. F’mument jaħseb li mhux se jerġa jaqa’ u ma tgħaddix siegħa li ma jerġax jagħmel l-istess. Imma hemm triq li tista ssalvana. L-ewwel pass huwa li tagħraf li dan huwa dnub serju u tirikonċilja ma’ Alla, anki jekk qerrejtu kemm-il darba, imma din weħidha mhix biżżejjed. Is-sigriet huwa li ma tafdax lilek nnifsek għax ma tafx meta jew kif jiġu t-tentazzjonijiet. Fi kliem ieħor, tirrealiżża li mintix b’saħtek biżżejjed biex taqta’ l-vizzju bir-rieda ‘soda’ tiegħek biss u tħalli kollox kif inhu. Daħħal filter biex timblokka siti ħżiena.Tħallix il-kompjuter fil-kamra ta’ xi ħadd waħdu. Hemm ħafna soluzjonijiet. L’ quddiem fuq il-websajt tagħna ħa npoġġu iktar informazzjoni teknika dwar dan is-suġġett.

Aktar artikli

 

Lust

Edvard Munch, 'Lust', 1895.

 

 

© 2009 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba.  Site powered by Qawrawebmasters.