Parrocca S.Frangisk Qawra - Bugibba

Merhba
Storja
Gruppi
Hinijiet
Kuntatt
Ritratti
Avvizi
Fuljett
Artikli
Links
    KPP    

 Alla lil kullħadd irid fis-Saltna tiegħu

Drakma l-mitlufha

Il-Parrabbola tad-drakma l-mitlufha

Domenico Feti (1618-20)

Xi kultant nistaqsu lilna nfusna jekk Alla jridx tassew jaħfer u jsalva lil kulħadd. Spiss nisimgħu b’nies li jkunu għamlu żbalji koroh u l-media tagħmel is-sitwazzjoni agħar, billi tagħmel dawn il-persuni oġġett għall-ġudizzju tal-pubbliku. Faċli għalhekk li wara li nikkundannaw aħna f’qalbna, naqgħu fid-dubju jekk Alla hux lest li jaħfer lil kulħadd, anki lill-midinbin l-iktar dawl ta’ qalb iebsa.

Fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali, il-Missier ikollu żewġ ulied fid-dar, iżda meta kibru, iż-żgħir ried jieħu sehmu mill-wirt (qabel il-mewt missieru) u jitlaq jgħix għal rasu. Forsi ngħidu li seta jikkuntenta ruħu l-Missier b’wieħed miż-żewġ ulied li baqa’ id-dar...il-50% mhix perċentwal ħażin wara kollox. Iżda malli reġa’ tfaċċa l-iben iż-żgħir, fqir u bil-guħ wara li ħela kulma kellu, il-Missier mhux talli rega’ laqgħu f’daru imma għamillu festa! Il-Missier ma’ kkuntentax ruħu b’wild wieħed; ried iż-żewġ uliedu, it-tnejn li huma f’daru.

Fil-parabbola tad-drakma l-mitlufa, l-mara jkollha għaxar drakmiet. Kulma titlef hija waħda minnhom biss. Din id-darba, Ġesù jurina li Alla, rappreżentat f’dik il-mara, fil-ħniena tiegħu bla qies u fl-imħabba enormi li għandu għall-bnedim kollha, ma’ kkuntentatx ruħha bid-90% tad-drakmiet li kien fadlilha. Anzi, kinset darha sakemm taraha u malli sabitha marret qalet il-ġirien bil-ferħ għax tkun sabet dik id-drakma li kienet intilfitilha. Alla, biex ngħidu hekk, ma’ joqgħodx bi kwietu lanqas jekk ikollu ħafna bnedmin fis-saltna tiegħu. Ma jitlaqx lil dawk jagħmlu ta’ rashom, iżda jfittixhom sakemm isibhom li jduru lejh.

Quddiem dan kollu għandna tassew nistgħaġbu. Iżda Ġesù irid jaċċertana li Alla, lil ħadd u mingħajr eċċezzjoni, ma’ jrid jiċħad. Alla lanqas jikkuntenta ruħu bid-99%, bħalma nsibu fil-parrabbola tan-nagħġa l-mitufa. F’din il-parabbola sabiħa, ir-Ragħaj, iħalli lid-disgħa u disgħin nagħġa biex ifittex lil dik il-waħda li telqet mill-merħla, u malli jsibha, jerfagħha fuq spallejh u jifraħ ħafna. Tant jifraħ li Ġesù jgħidilna, li jkun hemm iktar ferħ fis-Saltna għal wieħed midneb li jindem, milli għal disgħa u disgħin li ma jkollhomx bżonn indiema.

Qiegħdin naraw kif il-Kelma tgħina nifhmu kemm fil-fatt Alla jrid jaħfer u jħobb lil kulħadd u jħeġġeġ lilna biex nagħmlu l-istess, billi ma nikkundannaw lil ħadd, u ma neskludu lil ħadd milli nagħtuh imħabbitna.


© 2008 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba.  Site powered by Qawra Webmasters.