|
Il-Festa tat-Tieġ ta' Kana Stained glass fil-Knisja ta' S. Injazju, Ohio, Stati Uniti
|
|
MERĦBA!
Spiċċalhom l-inbid
Dawn l-aħħar xhur, jekk mhux snin, ilna nisimgħu b’ideat u opinjonijiet fuq dan is-suġġett. Ruxxma juru fehmithom fuq d-divorzju u allura ż-żwieġ ikun mibni fuq pedament tar-ramel. Oħrajn jarmaw l-argumenti tagħhom b’ħafna statistika u numri ġejjin barra minn xtutna. L-iskrittura tagħtina dawl qawwi dwar dan.
Marija fit-tieġ ta’ Kana qisha ndunat qabel Ġesù bil-problema tal-għarajjes. It-tieġ, speċjlament dak iż-żmien, kienet festa kbira ħafna, iddum ġimgħa, mimlija ferħ u ċelebrazzjonijiet. “Spiċċalhom l-inbid”, qaltlu lil Ġesù. Aħna, l-inbid nixtruh mingħand tal-ħanut u nixorbuh f’xi ikla b’mod kazwali, u ma nirrealizzawx x’kien is-sinifikat tiegħu għal Lhud f’dawk iż-żminijiet. Għalihom l-inbid kien sinjal ta’ festa, sinjal ta’ ferħ kbir, u fuq kollox, sinjal tal-fedeltà u l-imħabba ta’ Alla meta daħħalhom fl-art imwegħda wara mixja ta’ 40 sena fid-deżert, fejn ma setgħux jagħmlu inbid. Għalhekk, li fil-festa taż-żwieġ jispiċċa l-inbid, tfisser iżjed minn kemm is-soltu naħsbu. Spiċċalhom l-inbid; qed jispiċċalhom il-ferħ; l-imħabba vera. Fiż-żwieġ dawn l-għarajjes kienu deħlin weħidhom, mingħajr l-imħabba li jista’ jagħtihom il-Mulej biss. Huma ħasbu għall-inbid, iżda spiċċalhom u dak li tahom il-Mulej kien itjeb!
Iż-żwieġ jinvolvi r-rabta dejjiema bejn żewġ persuni b’karattri differenti, xewqat differenti, forsi anki valuri xi ftit differenti. Kif jista jkun li tidħol f’rabta għal dejjem ma’ xi ħadd li mhux se jaqbel miegħek dejjem, li mhux se jħobbok dejjem, li mhux se jibqa’ kif kien meta kien għarus jew għarusa? Il-verità hi li ma tistax għaliex il-bniedem mingħajr il-grazzja t’Alla jgħix għalih innifsu biss jaf. Huwa Alla li jintervjeni fiż-żwieġ u jagħmlu mhux biss possibli, iżda wkoll jagħtih missjoni importanti ħafna, dik li fiż-żwieġ tidher il-glorja tiegħu. Kif tidher il-glorja ta’Alla fiż-żwieġ? Meta raġel u mara differenti minn xulxin ma jgħixux iżjed għalihom infushom, iżda bl-Ispirtu ta’ Kristu, mqajjem mill-mewt, jgħixu għal Kristu li jarawh wieħed fl-ieħor.
Alla ma’ jaħsibx fuq iż-żwieġ daqs li kieku kien xi oġġett tagħna l-bnedmin li bħalissa huwa għad-diskussjoni. Alla jagħmel lilu nnifsu preżenti fiż-żwieġ, bejn ir-raġel u l-mara, għax meta ħalaq il-bniedem, Alla ħalqu fuq xbieha tiegħu raġel u mara li jingħaqdu u jsiru ġisem wieħed fl-imħabba. Bħalma Alla huwa Trinita’; il-Missier li jingħata lill-Iben, l-Iben li jingħata lill-Missier fi Spirtu Qaddis ta’ Imħabba, hekk huwa ħalaq iż-żwieġ. Żwieġ li jagħmel Alla, ma jistax jinfired, mhux għax huwa projbit, imma għax l-imħabba, li Huwa Alla innifsu, hija għal dejjem. Minkejja ħafna nuqqasijiet li wieħed jagħmel lil parti l-oħra fiż-żwieġ, Alla dejjem joffri l-grazzja kollha biex l-maħfra ssaltan, li mhix sinjal ta’ dgħjufija, anzi, sinjal kbir ta’ Qawwa li tiġi mill-Imħabba.
|
|
© 2008 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba. Site powered by Qawra Webmasters.